Publications
(c) L. P. Zerafa

Ta' Pinu Publications

Ikteb lill-Editur: tapinupublications@tapinu.org
Rivista: }ar[a Nru. 153: April - Gunju 2010
Bord Editorjali
Dun Gerarld Buhagiar (Editur),
Dun Michael Galea,
Francesco Pio Attard,
Maureen Attard,
Esther Bajada,
Edward Depasquale
Korrispondenza:
L-Editur
"Madonna Ta' Pinu",
¬entru Kulturali Marjan,
Ta' Pinu, G]arb,
G]awdex, GRB 1704,
MALTA.

TEL: 21556187
FAX: 21562350
EMAIL: tapinupublications@tapinu.org
Ir-rivista Madonna Ta' Pinu b’ħarġa speċjali
Madonna Ta’ Pinu, April-Ġunju 2010, Nru 153

Il-153 numru tar-rivista Marjana Madonna Ta’ Pinu hu wieħed tassew speċjali, b’aktar paġni minn tas-soltu, kollha mżejna b’ritratti tal-kulur. Il-bord editorjali għażel li jwarrab ftit għall-ġenb l-artikli tas-soltu biex jippreżenta, f’ħarġa voluminuża ta’ 56 paġna, tifkira xierqa ta’ erba’ ġrajjiet speċjali marbuta mal-Madonna Ta’ Pinu, kif naqraw fl-editorjal ta’ Dun Gerard Buhagiar, rettur tas-Santwarju Ta’ Pinu f’Għawdex.

Il-ħarġa tiftaħ b’sett ta’ artikli storiċi b’rabta mal-proklamazzjoni – sittin sena ilu – tad-Domma ta’ l-Assunta, mill-Papa Piju XII. Din il-ġrajja kienet ġiet iċċelebrata bil-kbir f’Għawdex, fejn id-devozzjoni lejn Marija Mtellgħa s-Sema kienet diġà sabet art tajba grazzi għas-Sejħa tal-Verġni Mbierka f’Ta’ Pinu fl-1883. L-istoriku Mons. Dr Joseph Bezzina u l-awtur Angelo Xuereb jeħduna fi vjaġġ fil-passat li juri r-rabta li s-Santwarju Ta’ Pinu u l-gżira ta’ Għawdex kellhom sa mill-qedem mal-kult ta’ l-Assunta.

Fost l-oħrajn, fl-1935, il-Legat tal-Papa l-Kardinal Alessio Maria Lepicier kien ġie Għawdex biex iqiegħed kuruna tad-deheb madwar ir-ras ta’ Marija fix-xbieha tagħha fil-kwadru ta’ Ta’ Pinu. L-artiklu interessantissmu ta’ Dr Joseph Galea jfakkar dik il-ġrajja memorabbli ta’ 75 sena ilu, waqt li Dun Duminku Camilleri jkompli b’nota storika fuq l-altar li ntuża dak in-nhar ta’ l-20 ta’ Ġunju 1935 għall-inkurunazzjoni.

It-tielet ġrajja mfakkra f’din il-ħarġa hi ż-żjara, għoxrin sena ilu, tal-Papa Ġwanni Pawlu II lis-Santwarju Ta’ Pinu, fejn qiegħed stellarju ta’ kwiekeb madwar ir-ras ta’ Marija. Dun Renato Borg jirrifletti fuq l-omelija tal-Papa Pollakk, nhar is-26 ta’ Mejju 1990, fuq ir-rabta tal-Madonna Ta’ Pinu mal-familji Maltin u Għawdxin.

L-imħabba tal-Papiet lejn il-Madonna Ta’ Pinu kompliet tiġi kkonfermata minn Benedittu XVI, li għalkemm ma żarx is-santwarju meta ġie Malta f’April li għadda, ried li l-kwadru devot ta’ l-Assunta minn Ta’ Pinu jittieħed fuq il-Fosos tal-Furjana għall-Quddiesa tiegħu, li fi tmiemha qiegħed Warda tad-Deheb f’riġlejn Marija. Fil-fatt il-bqija ta’ din il-ħarġa tar-rivista Madonna Ta’ Pinu tikkonċentra fuq din iż-żjara ta’ Benedittu XVI, b’riproduzzjoni ta’ bosta messaġġi u omeliji li saru fl-okkażjoni, u li fihom hemm riferenza għall-Madonna Ta’ Pinu. Fost l-oħrajn insibu l-messaġġ bi tħejjija għaż-żjara mibgħut mis-Segretarju ta’ l-Istat tal-Vatikan il-Kardinal Tarcisio Bertone sdb, l-ittra pastorali ta’ l-isqfijiet Maltin, u l-interventi tal-Papa nnifsu f’Malta, li kemm-il darba għamel riferenza espliċita għall-qima lejn il-Madonna Ta’ Pinu u pproponieha wkoll bħala “Sultana tal-Familja”.

Ir-rivista tagħtina rendikont u kronaka dettaljata tal-vjaġġ tal-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu lejn Malta u lura f’Għawdex, fejn qabel sab ruħu mill-ġdid fis-santwarju, waqaf għal xi jiem fis-Santwarju tal-Karmnu fil-belt Valletta kif ukoll fil-knisja arċipretali tal-Mosta. Minn kull fejn għadda l-kwadru ngħata laqgħa sabiħa u wasal lura fil-gżira Għawdxija f’pellegrinaġġ nazzjonali mmexxi mill-isqfijiet Maltin u n-Nunzju Appostoliku, fil-preżenza ta’ bosta mistiedna distinti u mijiet ta’ pellegrini. Fil-fatt fir-rivista nsibu l-messaġġ ta’ merħba mill-Isqof ta’ Għawdex u l-omelija li saret mill-Arċisqof waqt il-Quddiesa ta’ ringrazzjament fuq iz-zuntier tas-santwarju, li għaliha kien preżenti wkoll il-President ta’ Malta Dr George Abela.

Fl-aħħar ftit paġni naqraw fuq il-kartolina ta’ tifkira li ħarġet apposta għall-okkażjoni u fuq il-mitra li l-Papa rregala lis-santwarju, waqt li min iħobb il-letteratura jista’ jaqra wkoll żewġ poeżiji ħelwin iddedikati lill-Madonna Ta’ Pinu.

Minn qoxra sa qoxra, il-paġni ta’ din il-ħarġa qishom album attraenti b’ritratti u tagħrif ta’ kull pass li Marija meddet fostna tul dawn il-mumenti hekk speċjali għall-poplu tagħna. Għalhekk ta’ min jakkwista din il-ħarġa biex jibqa’ jgħożż it-tifkira sabiħa ta’ dawn il-jiem. Dawk li m’humiex abbonati jistgħu jakkwistaw din il-ħarġa speċjali għall-prezz ta’ €5, inkella jistgħu jabbonaw għal €6 biss, dejjem mis-Santwarju Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex, tel: 21 556 187.

Selezzjonijiet
Il-Kelma tar-Rettur
Infakkru
Il-Wasla Tal-Madonna Ta' Pinu fuq il-Fosos ...
L-Inkurunazzjoni tal-Madonna Ta' Pinu
Ir-Rabta tal-Madonna Ta' Pinu mal-Familju Maltin u Ghawdxin
Is-Santwarju tal-Madonna Ta' Pinu u d-domma tal-Assunta
Talba min-Nunzju Appostoliku
Il-Madonna Ta' Pinu lura fil-gzira taghha
Fuq