|
IL-PITTURI TA' EMVIN CREMONA FIL-KALENDARJU TAS-SANTWARJU TA' PINU
Is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu għadu kemm ippubblika l-kalendarju għas-sena 2010… kollezzjoni ħelwa oħra ta’ ritratti oriġinali li tista’ żżejjinlek darek f’kull xahar tas-sena l-ġdida.
Din is-sena, fil-fatt, il-kalendarju qed jippreżenta ritratti bil-kulur ta’ pitturi oriġinali li l-artist ċelebri Malti Emvin Cremona (1919-1987) kien għamel għall-bażilika tal-Verġni Mbierka f’Ta’ Pinu, Għawdex. Bejn l-1954 u l-1962 Cremona kien ħadem għoxrin pittura ta’ tema Marjana, li tqiegħdu fil-bażilika sakemm intbagħtu l-Italja biex isiru fuqhom il-mużajċi li hemm il-lum fis-santwarju. Meta waslu l-mużajċi u sabu posthom fil-bażilika, il-pitturi oriġinali taż-żejt fuq it-tila kienu spiċċaw merfugħin għad-dlam, fejn baqgħu minsija u esposti għall-ħsara ta’ l-umdità sakemm fl-2005 inqalgħu minn Dun Gerard Buhagiar, il-lum ir-rettur tas-santwarju, u beda restawr intensiv fuqhom mill-artist Għawdxi Godwin Cutajar. Issa li x-xogħol ta’ restawr intemm, il-pitturi jistgħu jitgawdew mill-ġdid fis-sbuħija oriġinali tagħhom, imdendlin fis-sagristija tal-bażilika. Il-proġett ġie ffinanzjat mill-Bank of Valletta, li kien stampa wkoll kalendarju b’għażla ta’ dawn il-pitturi, li wħud minnhom dehru wkoll f’sett bolli tal-Milied maħruġin minn Maltapost erba’ snin ilu. Issa, f’dan il-kalendarju maħruġ mis-Santwarju Ta’ Pinu għas-sena 2010, uħud minn dawn il-pitturi qed jiġu stampati għall-ewwel darba!
Il-kalendarju jista’ jinkiseb mis-Santwarju Ta’ Pinu (tel: 21 556 187) għall-prezz ta’ €5, bid-dħul kollu jmur għar-restawr tat-twieqi sbieħ ta’ l-istained glass tal-koppla tal-bażilika, proġett ieħor ambizzjuż li għaddej bħalissa fl-istess santwarju. F’qoxra minnhom tal-kalendarju wieħed jista’ jsib ukoll it-Talba tal-Madonna Ta’ Pinu.
|